L-Iskola Tagħna

L-Isla kienet l-ewwel belt mibnija mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. L-ewwel ġebla tqegħdet fil-1552. Fiha wieħed segħta jsib bosta binjiet marbuta mal-istudji marittimi għall-kadetti navali tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Qabel inbniet l-iskola, kien hemm il-Forti San Mikiel, li kellu rwol importanti waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565. Matul l-ewwel perijodu tal-ħakma Ingliża, il-gvern kolonjali ra l-potenzjal li jiżviluppa n-naħa ta’ San Mikiel f’tarzna, u b’hekk qered ħafna minnha.

Fl-għoxrinijiet tas-seklu għoxrin (ċ.1921) inħasset il-ħtieġa li tinbena skola tal-gvern u l-ispazju li kien fadal mill-fortifikazzjonijiet qodma ta’ San Mikiel intgħażel bħala l-post fejn tinbena l-iskola.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945), l-Isla ġarrbet ħerba kbira bil-bombi kontinwi li bdew neżlin mill-ajruplani tal-għedewwa. B’hekk kellhom jerġgħu jinbnew ħafna mill-binjiet fl-inħawi tal-Kottonera, fosthom l-Iskola Primarja tal-Isla. Dan wassal biex tinbena skola akbar ħalli taqdi l-popolazzjoni lokali kif ukoll dawk mill-inħawi tal-madwar. Kellha bħala surmast lis-Sur William Galea.

L-iskola ssemmiet għal Dom Mauro Inguanez, saċerdot prominenti mwieled fl-Isla, li wettaq bosta studji ewlenin. Sar arkivista-librar f’Monte Cassino, kif ukoll librar ewlieni fil-Librerija Rjali ta’ Malta u rrestawra manuskritti u pubblikazzjonijiet rari.

Fl-aħħar ftit snin l-Iskola Primarja tal-Isla ssieħbet fil-Kulleġġ Santa Margerita. Dan għen lil din il-belt tingħaqad mill-ġdid mal-iskejjel l-oħra, imsieħba f’kulleġġ wieħed, u b’hekk saħħaħ ir-rabta qawwija bejn ir-residenti ta’ dawn l-inħawi li għandhom drawwiet simili. Matul is-snin l-iskola tejbet il-qagħda tagħha u llum toffri ambjent sabiħ ta’ tagħlim għat-tfal.

Leave a Reply